Illum li nħares lura lejn il-ħajja tiegħi nagħraf kemm kien hemm nies u sitwazzjonijiet li f’ħajti għenuni biex nagħraf aħjar is-sejħa tiegħi. Jiena kbirt fil-komunità ta’ Ħal Tarxien u kont involut ħafna fiż-żona tal-knisja ta’ Kristu Rxoxt, magħrufa aħjar bħala Tal-Erwieħ. Hemmhekk għal żmien twil kont abbati, parti minn grupp ta’ adoloxxenti u kont ngħin ukoll f’dak kollu li kien ikun hemm bżonn matul is-sena. Ovvjament meta minn età żgħira tkun involut daqshekk, il-kuntatt ma’ nies differenti jkun kbir. L-ewwel kuntatti ovvjament ikunu mas-saċerdoti li żgur ħallew impatt fija. Għalija s-saċerdot ma kienx biss il-persuna li jqaddes u jagħmel is-sagramenti imma wkoll ħabib li barra milli narah fl aspett liturġiku tiegħu, narah ukoll fil-ħinijiet informali u għalhekk iċ-ċajt ma jonqosx, xi ħarġa ’l hemm u ’l hawn eċċ. Tagħraf li s-saċerdot għalkemm ma jimponi xejn, imma jakkumpanjak u jkun miexi miegħek anke jekk ftit mill-bogħod. Eżempju sabiħ li kont nara ta’ saċerdot – u hawn ma niddejjaqx insemmih, Dun Ġużepp Vella – kien li malli dan jidħol fil-knisja anki jekk ikun magħfus fil-ħin, kien dejjem l-ewwel imur u jsellem lil Ġesù Ewkaristija fil-kappella tas-Sagrament u din ix-xena baqgħet f’moħħi.
In-nies inġenerali jarawk u jimxu miegħek hekk kif tkun qed tikber u allura, xi kultant, ikun hemm min jgħidlek: “Ejja ħa ssir qassis” jew “kemm qed nitlob għalik”. Ovvjament meta n-nies saru jafu li se nibda l-mixja fis-seminarju huma ħafna li żgur akkumpanjawni fil-mixja bit-talb. In-nies xi kultant jaraw fina dak li aħna mhux dejjem naraw u allura nemmen li b’mod indirett ikunu diġà qegħdin jaraw xi ħaġa fina. Iż-żgħażagħ ukoll, b’xi kelma jew b’xi ċajta kienu jiġbduli saqajja. F’ħajti kelli kemm esperjenzi ta’ xogħol u anki ta’ relazzjoni qabel dħalt fis-Seminarju u żgur li dawn iż-żewġ elementi komplew jgħinuni biex jien nagħraf aħjar il-Mulej x’qed jgħidli rigward is-sejħa tiegħi u allura n-nies taż-żona tal-erwieħ u anki dawk parrokjali jafuni b’fażijiet differenti tal-ħajja tiegħi. Is-sabiħ kien li dejjem kien hemm ir-rispett u l-libertà biex jiena nkun kuntent f’dak li jien nagħżel.