Minn ċkuniti dejjem tmexxejt mill-imħabba tiegħi lejn l-arti u f’kull għażla li għamilt dejjem kien hemm din l-imħabba involuta. Ma kontx nitmexxa mill-aspett finanzjarju imma kont immexxi minn ħsieb wieħed: li nkun artist!
Wara li lestejt l-istudji tiegħi ġewwa l-Art and Design Centre, kont qed infittex impjieg relatat ma’ dak li studjajt. Meta bdejt naħdem kien ikolli ammont kbir ta’ xogħol u kultant ikolli xi ħaġa kreattiva. Dan ma kienx biżżejjed. Kont involut fi grupp taż-żgħażagħ il-każin fejn kont impenjat ħafna fuq xogħol tal-armar. Irċevejt xi kummissjonijiet minn irħula oħra u rajt li kelli biżżejjed biex naħdem għal rasi. Però għalkemm kont qed naħdem xogħol li jogħġobni, kelli ħafna xogħol ripetittiv. Kont il-ħin kollu nipprova nkun kreattiv. Dejjem kont nixxennaq għal xi ħaġa iktar, xi ħaġa li toħloq int u mhux jiddettawhielek, anki mingħajr rabta ma’ target dates. Dejjem tixxennaq għal xi ħaġa iktar. Kont naħseb: imma x’inhi din il-ħaġa li timlieli qalbi tassew? Opra li noħloq jien mill-bidu sal-ahhar?
Meta bdejt inħoss is-sejħa għal saċerdot bżajt li se jkolli nwarrab l-arti. Is-Seminarju wrieni li l-arti hi don fil-bagalja tiegħi. Minn hemm twelidt mill-ġdid bħala artist. L-arti daħlet fil-ħajja spiritwali tiegħi u saret bħal tieqa fuq l-Infinit. Ma baqgħetx aktar dwari u dwar dak li nista’ nipproduċi jien, imma għajxien ta’ ħajja! Biddlitli l-viżjoni tiegħi ta’ Alla, tiegħi nnifsi u tad-dinja ta’ madwari. Saret komunikazzjoni mas-Sbuħija li serqitli qalbi.
Illum nista’ ngħid li jien imsejjaħ għal saċerdot għax jien artist u jien artist għax imsejjaħ għal saċerdot. Fil-passat, Alla kien qed jimlieli l-bagalja għall-vjaġġ li sejjaħli għalih. Artist tkun u mhux issir. Kien Hu li għażilni u poġġieli din l-imħabba f’qalbi, imħabba li jixtieqni nwassal lill-oħrajn għax l-arti hi servizz: qadi tal-poplu t’Alla. Mhijiex aktar dwari, imma dwar Dak li seraqli qalbi: is-Sabiħ!