Ma naħsibx li l-istudji tiegħi tax-xjenzi kellhom xi sehem partikolari fl-istorja tal-vokazzjoni tiegħi. Biss, l-istudji tax-xjenza, flimkien mal-istudji l-oħra li għamilt f’ħajti, flimkien mal-esperjenzi li l-ħajja tlaqqgħek magħhom għenuni nkun aktar sensibbli għar-realtà ta’ madwarna. U meta tagħraf iżjed ir-realtà, tibda tinfetaħ tieqa fuq il-preżenza tal-misteru fil-ħajja tagħna. Tibda tifhem li l-paradossi jagħmlu parti mill-ħajja u li ħajjitna ma tagħmilx sens jekk Alla ma jkunx fiċ-ċentru tagħha.
Jiena naħseb li d-don tas-saċerdozju jista’ jiġi mifhum f’kuntest partikolari: fil-knisja. Ġesù sejjaħ lit-tnax-il appostlu sabiex biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippritkaw. Għalhekk, l-ewwel u qabel kollox, jien, Jake, li jien Nisrani qabel jien qassis, imsejjaħ biex nibqa’ miegħu; imsejjaħ biex bħal Ġesù, u permezz tiegħu, nidħol f’relazzjoni mal-Missier. Biss, din is-sejħa tas-saċerdozju nħoss li ma tagħmilx sens li kieku m’hemmx it-tieni parti tagħha: li nkun persuna ta’ servizz lejn il-poplu t’Alla. Propju għax Ġesù huwa l-ewwel mibgħut, nindunaw li verament għandna relazzjoni ġenwina miegħu jekk naqsmu l-missjoni tiegħu ta’ qadi lejn l-oħrajn. Il-kuntatt man-nies u l-fatt li jien sirt saċerdot mingħajr il-merti tiegħi, iservi wkoll bħala tfakkira għalija li għandi dejjem inkun umli. Naf li jien m’għamilt xejn biex insir qassis, naf li m’iniex l-aktar wieħed perfett jew qaddis, anzi hemm ħafna nies aħjar minni. Tfakkarni li s-saċerdot, fl-aħħar mill-aħħar, huwa wieħed, dak li b’demmu u bi mħabbtu salva lid-dinja.